LAIKOS



VJAĠĠ APPOSTOLIKU F’RIO DE JANEIRO

FL-OKKAŻŻJONI TAL-JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

FESTA TA’ MERĦBA TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Lungomare di Copacabana, Rio de Janeiro

Il-Ħamis, 25 ta’ Lulju, 2013

OMELIJA TAL-PAPA

Żgħażagħ ħbieb,

 “Hija ħaġa sabiħa li aħna hawn!”: stqarr Pietru wara li kien ra lill-Mulej Ġesu’ mibdul, imlibbes bil-glorja. Nistgħu aħna wkoll intennu dawn il-kelmiet? Jiena naħseb li iva, għaliex għalina lkoll, illum, hija ħaġa sabiħa li nkunu hawn flimkien madwar Ġesu! Huwa Hu li qiegħed jilqagħna u jagħmel mod li jkun preżenti f’nofsna, hawn f’Rio. U fl-Evanġelju smajna wkoll kliem Alla l-Missier: “Dan hu Ibni l-maħtur, lilu isimgħu!” (Lq 9, 35). Jekk minn naħa l-waħda, għalhekk, huwa Ġesu’ li qed jilqagħna, min-naħa l-oħra aħna wkoll irridu nilqgħuh, inqegħedu lilna nfusna biex nisimgħu kelmtu għaliex huwa proprju meta nilqgħu lil Ġesu’ Kristu, il-Kelma Inkarnata, li l-Ispirtu s-Santu ibiddilna, idawwal it-triq tal-futur, u jkabbar fina il-ġwienaħ tat-tama biex nimxu bil-ferħ (ara Enċ. Id-Dawl tal-Fidi, 7).

Imma x’nistgħu nagħmlu? “Bota fé – qiegħed il-fidi”. Is-salib tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ semma’ b’leħen għoli dawn il-kliem matul il-pellegrinaġġ tiegħu kollu mal-Brażil. “Qiegħed il-fidi”: xi jfisser dan? Meta wieħed iħejji platt tajjeb u jara li jonqsu l-melħ, hekku inti “tqiegħed” il-melħ; jekk ikun jonqos iż-żejt, inti “tqiegħed” iż-żejt... “Tqiegħed”, jiġifieri tpoġġi, tferra’. Hekk ukoll għandu jsir fil-ħajja tagħna, għeżież żgħażagħ: jekk irridu li din ħajjitna jkollha tassew sens u ssib il-milja tagħha, kif intom stess tixtiequ u timmeritaw, jien ngħid lil kull wieħed u waħda minnkom: “qiegħed il-fidi” u l-ħajja jkollha togħma ġdida, il-ħajja jkollha boxxla li turi d-direzzjoni; “qiegħed it-tama” u kull jum tiegħek ikun imdawwal u l-oriżżont tiegħek ma jkunx aktar imdallam, imma mdawwal; “qiegħed imħabba” u l-eżistenza tiegħek tkun bħal dar mibnija fuq il-blat, il-mixja tiegħek tkun ferrieħa, għaliex tiltaqa’ ma’ tant ħbieb li jimxu miegħek Qiegħed il-fidi, qiegħed it-tama, qiegħed l-imħabba! Ilkoll mgħaqudin: “qiegħed il-fidi”, “qiegħed it-tama”, “qiegħed l-imħabba”.

Imma min jista’ jagħtina dan kollu? Fl-Evanġelju nisimgħu t-tweġiba: Kristu. “Dan hu Ibni l-maħtur, lilu isimgħu!”. Ġesu’ jġibilna lil Alla u jwassalna għand Alla, biH ħajjitna kollha tinbidel, tiġġedded u aħna nistgħu nħarsu lejn ir-realta’ b’għajnejn ġodda, kif iħares lejha Ġesu’, bl-istess għajnejn tiegħu (ara Enċ. Id-Dawl tal-Fidi, 18). Għalhekk illum ngħidilkom, lil kull wieħed u waħda minnkom: “qiegħed lil Kristu” f’ħajtek u ssib ħabib li tista’ tafdah dejjem; “qiegħed lil Kristu” u ħajtek tkun mimlija bi mħabbtu, tkun ħajja li tagħmel il-frott. Għaliex ilkoll nixtiequ jkollna ħajja li tagħmel il-frott, ħajja li tagħti ħajja lill-oħrajn!

Illum, ikun jiswielna lkoll ta’ ġid jekk insaqsu lilna nfusna bis-sinċerita’, jekk kull wieħed u waħda jaħseb ftit f’qalbu: f’min aħna qegħdin inpoġġu l-fiduċja tagħna? Fina nfusna, fl-affarijiet, jew f’Ġesu’? Aħna lkoll spiss ikollna tentazzjoni li nqegħedu lilna nfusna fiċ-ċentru, li nemmnu li aħna l-fus tad-dinja, li nemmnu li aħna weħidna nfasslu ħajjitna jew li naħsbu li ħajjitna tkun hienja meta jkollna l-ġid, il-flus, il-poter. Imma lkoll nafu li mhux hekk! Tassew hu li jkollok affarijiet, il-flus, il-poter, jistgħu jagħtu għal xi waqt il-furja ta’ ferħ, l-illużjoni li aħna hienja; imma fl-aħħar huma jkunu dawk li jaħkmuna u jimbuttawna ‘l quddiem biex ikollna dejjema aktar, biex ma nixbgħu qatt. U nispiċċaw “mimlijin”, imma mhux imsaħħin b’ikel bnin; u huwa ta’ niket tara żgħażagħ “mimlijin”, imma debboli. Iż-żgħażagħ iridu jkunu b’saħħithom, iridu jmantnu lilhom infushom bil-fidi u mhux jimtlew b’affarijiet oħra! “Qiegħed lil Kristu” f’ħajtek, qiegħed fiH il-fiduċja tiegħek u ma tkun qatt mifxul! Qed taraw, għeżież ħbieb, il-fidi twettaq fil-ħajja tagħna rivoluzzjoni li nistgħu nsejħulha kopernikana: teħodna miċ-ċentru u tqegħedna fiċ-ċentru t’Alla; il-fidi ddaħħalna ‘l ġewwa fi mħabbtu li tagħtina sigurta’, qawwa, tama. Ikun jidher li ma jkun inbidel xejn, imma fil-qiegħ nett tagħna nfusna jkun inbidel kollox. Meta hemm Alla, fi qlubna tgħammar il-paċi, il-ħlewwa, it-tenerezza, il-kuraġġ, is-sliem u l-ferħ, li huma l-frott tal-Ispirtu s-Santu (ara Gal 5, 22); imbagħad l-eżistenza tagħna tinbidel, il-mod kif naħsbu u kif nagħmlu l-affarijiet jiġġedded, isir il-mod kif jaħseb u jaħdem Ġesu’, Alla. Għeżież ħbieb, il-fidi hija rivoluzzjonarja u jiena llum nitolbok: inti mħejji, inti mħejjija li tidħol f’din il-mewġa rivoluzzjonarja tal-fidi? Jekk inti tidħol f’din il-mewġa, il-ħajja tiegħek żgħażugħa takkwista sens u tkun tista’ tagħti frott!

Għażiż żgħażugħ, għażiża żgħażugħa: “qiegħed lil Kristu” fil-ħajja tiegħek. F’dawn il-jiem Hu qiegħed jistenniek: isimgħu b’attenzjoni u l-preżenza tiegħu timlielek qalbek bl-entużjażmu; “Qiegħed lil Kristu”: Hu jilqgħek fis-Sagrament tal-maħfra, bil-ħniena tiegħu jfejjaq il-feriti kollha tad-dnub. La tibżax titlob maħfra lil Alla għaliex Hu fi mħabbtu kbira ma jgħejja qatt jaħfrilna, bħal missier li jħobbna. Alla huwa ħniena biss! “Qiegħed lil Kristu”: Huwa jistenniek ukoll fl-Ewkaristija, is-Sagrament tal-Preżenza tiegħu, tas-sagrifiċċju tiegħu ta’ mħabba, u jistenniek ukoll fl’umanita’ ta’ tant żgħażagħ li jgħanuk bil-ħbiberija tagħhom, li jagħmlulek kuraġġ bix-xhieda tal-fidi tagħhom, jgħallmuk il-lingwaġġ tal-imħabba, tat-tjubija, tal-qadi. Inti wkoll żgħażugħ għażiż, żgħażugħa għażiża, tista’ tkun xhud ferrieħi ta’ mħabbtu, xhud mimli kuraġġ tal-Evanġelju tiegħu biex iġġib f’din id-dinja tagħna ftit dawl. Ħalli lilek innifsek tiġi mfittex minn Ġesu’, ħalli lilek innifsek tkun maħbub minn Ġesu’; Huwa ħabib li ma jqarraqx.

“Hija ħaġa sabiħa li nkunu hawn”, inqegħedu lil Kristu fil-ħajja tagħna, inqegħedu l-fidi, it-tama, l-imħabba li Huwa jagħtina. Għeżież ħbieb, f’din iċ-ċelebrazzjoni aħna lqajna x-xbiha tal-Madonna tal-Aparecida. Lil Marija nitolbuha tgħallimna nimxu wara Ġesu’, li tgħallimna nkunu dixxipli u missjunarji. Bħalha, irridu ngħidu “iva” lil Alla. Nitolbu lill-qalb tagħha ta’ omm biex tidħol għalina sabiex il-qlub tagħna jkunu mħejjija biex iħobbu lil Ġesu’ u li jkunu pronti jagħmluh maħbub. Għeżież żgħażagħ, Ġesu’ qed jistenniekom, Ġesu’ jistrieħ fuqkom! Ammen.

Miġjub għall-Malti minn Patri Silvestru Bonavia OFM Cap.

................
................

In order to avoid copyright disputes, this page is only a partial summary.

Google Online Preview   Download

To fulfill the demand for quickly locating and searching documents.

It is intelligent file search solution for home and business.

Literature Lottery

Related searches